Sebgħa raġunijiet kontra l-proposta tal-gvern dwar is-suwiċidju assistit

Il-konsultazzjoni tal-Gvern Malti dwar “l-ewtanasja volontarja assistita” tirriskja li taqbez linja li hi irriversibli. Wara r-retorika tal-għażla, hemm proposta serjament difettuża — waħda li thedded id-dinjità tal-ħajja, l-etika fil-mediċina, u l-futur tal-kura għal dawk l-aktar vulnerabbli.

Aħna fassalna seba’ oġġezzjonijiet li jolqtu il-qalba ta’ dak li hu fil-periklu.

Is-seba' oġġezzjonijiet

1. It-Tnaqqis mill-ħarsien tal-Valur tal-Ħajja

Il-legalizzazzjoni tas-suwiċidju assistit ġġib magħha r-riskju li jintbagħat il-messaġġ li xi ħajjiet m’għandhomx valur. Il-ħajja umana kollha għandha valur intrinsiku, irrispettivament mill-età, il-kapaċitajiet, jew l-istat ta’ saħħa. F’pajjiżi — bħall-Awstrija, il-Belġju, il-Lussemburgu, in-Netherlands, Spanja u l-Isvizzera — fejn l-ewtanasja kienet oriġinarjament permessa biss f’każijiet estremi, il-limiti legali espandew gradwalment. Fin-Netherlands, l-ewtanasja issa hija permessa mhux biss għal persuni b’mard terminali, iżda wkoll għal trabi tat-twelid b’kundizzjonijiet gravi, kif ukoll għal adulti li “għajjew mill-ħajja.” Fl-2024 biss, kważi 10,000 persuna ġew ewtanizzati fin-Netherlands.

2. L-Impatt negattiv fuq il-Kura Palliattiva

Il-progress fis-settur tal-kura palliattiva u l-kontroll tal-uġigħ seħħ proprju minħabba l-importanza li tingħata ghal-l-għajnuna lill-persuni morda, u mhux biex tintemm ħajjithom. Minflok ma toffri l-mewt bħala soluzzjoni għat-tbatija, is-sistema tas-saħħa għandha tagħti prijorità lill-kura palliattiva li hi kompluta, olistika, u li tinkludi appoġġ lill-familja tal-pazjent.

Il-legalizzazzjoni tas-suwiċidju assistit tirriskja li tisfrutta il-fondi u r-riżorsi li suppost imorru għall-kura palliattiva.

Fil-proposti 512 u 513 tal-Manifest Elettorali tal-2022, il-Partit Laburista – issa fil-Gvern – wiegħed li jinvesti f’kura palliattiva ta’ kwalità. Barra minn hekk, fil-proposta 654, wegħdu li jiggarantixxu l-aħjar kura possibbli fl-aħħar fażijiet tal-ħajja.

3. Ir-Riskju li l-liberta tigi mhedda

L-ebda sistema ma tista’ tiggarantixxi li deċiżjonijiet relatati mal-ewtanasja jittieħdu kompletament mingħajr influwenza esterna. Individwi vulnerabbli – speċjalment l-anzjani, persuni b’diżabilità jew dawk li jbatu minn mard kroniku – jistgħu jħossuhom obbligati li “jeħilsu” lill-familji jew lis-servizz tas-saħħa tagghom minn certu piż. Anki jekk ikun hemm miżuri ta’ salvagwardja, icertu influenza tista’ tfixkel il-kunsens ġenwin. Dak li jissejjaħ “id-dritt għall-mewt” jista’ jinbidel fi ‘dmir li tmut.”

4. Telf ta’ Fiduċja fil-Professjoni Medika

Il-legalizzazzjoni tal-ewtanasja tikkostitwixxi sfida fundamentali għall-prinċipju etiku ewlieni tal-professjoni medika: “tagħmilx ħsara.” Dan jista’ jħassar il-konfini tar-rwol tat-tobba bħala fejjieqa u jġib tnaqqis ta’ fiduċja pubblika. Jekk il-pazjenti jibdew jaraw lit-tobba bħala strumenti fis-suwiċidju assistit, il-fiduċja essenzjali għall-kura tas-saħħa effettiva tkun imkissra b’mod serju.


Il-proposta timponi wkoll li tobba li joġġezzjonaw mill-kuxjenza jkollhom jirreferu lill-pazjenti għal tobba oħra – ħaġa li tikser id-dritt tagħhom għall-liberta, u li twassal biex ikunu involuti indirettament f’prattika li jistgħu jikkunsidraw moralment żbaljata.

5. Id-Definizzjoni tal-Gvern ta’ “Mard Terminali” hija difettuża

B’“marda terminali” nifhmu:

i. l-istadju terminali ta’ marda jew kundizzjoni medika progressiva li ser twassal għat-tmiem tal-ħajja tal-persuna u li bl-ebda mod ma tista’ tiġi mfejqa jew megħluba.

ii. B’konsegwenza ta’ din il-marda jew kundizzjoni, il-professjonist mediku jkun jista’ jasal għall-konklużjoni raġonevoli illi l-aspettattiva tal-ħajja ta’ dik il-persuna ma teċċedix il-perjodu ta’ sitt xhur.

It-tifsira tal-Gvern hija vaga, mhux korretta minn perspettiva medika, u miftuħa għal interpretazzjonijiet wiesgħa, u għalhekk ma tistax titqies bħala bażi sigura għal liġi li tippermetti deċiżjonijiet biex tintemm il-ħajja.

It-tifsira tal-Gvern hija vaga, mhux korretta minn perspettiva medika, u miftuħa għal interpretazzjonijiet wiesgħa, u għalhekk ma tistax titqies bħala bażi sigura għal liġi li tippermetti deċiżjonijiet biex tintemm il-ħajja.

a. It-Tbassir Mediku Mhux Dejjem Korrett

It-tbassir li xi ħadd għandu “inqas minn sitt xhur ħajja” huwa inċert b’mod intrinsiku. Hemm ħafna każijiet fejn pazjenti djanjostikati bħala terminali għexu aktar milli kien mbassar — b’xhur jew saħansitra snin. L-istennija tal-ħajja tvarja ħafna skont is-saħħa individwali, ir-rispons għat-trattament, u kundizzjonijiet oħra li jikkoinċidu. Il-bażi ta’ eliġibbiltà għall-ewtanasja fuq tbassir approssimattiv tista’ twassal għal żbalji fatali.

b. It-Tifsira ta’ “Ma Tistax Tiġi Kkurata jew Megħluba” Hija Ambigwa

Xi tfisser ezzatament li kundizzjoni “ma tistax tiġi kkurata jew megħluba”? Ħafna mard progressiv ma jkunx jista jigi mfejjaq, iżda jista’ jiġi mmaniġġjat b’mod effettiv permezz ta’ kura palliattiva jew appoġġ, li ħafna drabi jwasslu għal snin ta’ ħajja ta’ kwalità tajba. Din il-lingwaġġ jista’ jinkludi wkoll persuni b’kundizzjonijiet kroniċi li huma stabbli iżda li t-teknika medika ghadha tqishom bħala “inkurabbli.”

c. It-Terminu “Stadju Terminali” Mhuwiex Medikament Preċiż

It-terminu “stadju terminali” m’għandux definizzjoni ċara fil-prattika medika u jista’ jvarja skont il-kundizzjoni. Għal xi mard, bħal ċerti tipi ta’ kanċer, jista’ jkun hemm xi forma ta ċarezza. Iżda għal oħrajn, bħal problemi tal-qalb avvanzati jew mard newrodegenerattiv, il-konfini bejn “progressiv” u “terminali” huma ħafna inqas ċari.

d. Miftuħa għal Interpretazzjonijiet Diversi

Minħabba li din id-definizzjoni tiddependi ħafna fuq ġudizzju kliniku suġġettiv, toħloq spazju għal reinterpretazzjoni. Kif deher f’ġurisdizzjonijiet oħra, dak li jibda bħala kriterju ta’ eliġibbiltà ristrett jista’ jespandi malajr biex jinkludi każijiet li qatt ma kienu intenzjonati oriġinarjament.

e. Tinjoraw il-Fatturi Mentali u Emottivi

Din id-definizzjoni tassumi li l-Prognosi ta’ sitt xhur ħajja hija ġustifikazzjoni biżżejjed biex tintemm il-ħajja, mingħajr ma titqies biżżejjed is-saħħa mentali, l-uġigħ eżistenzjali, jew il-possibbiltà ta’ appoġġ. Xi drabi dijanjosi diffiċli iżda terminali tista’ jkollha riżultat aħjar; jekk il-pazjent jingħata l-kura u l-għajnuna xierqa.

Għalhekk, din id-definizzjoni hija medikament fraġli u etikament perikoluża.

6. Il-valutazzjoni tas-Saħħa Mentali tal-Pazjenti

Il-valutazzjoni tal-kapaċità mentali fil-kuntest tal-ewtanasja hija kumplessa u intrinsikament kumplikata. Kundizzjonijiet psikoloġiċi bħal depressjoni, ansjetà, jew dwejjaq eżistenzjali jistgħu ihawwdu l-ġudizzju ta’ persuna, u xi drabi jagħmlu l-mewt tidher bħala l-unika għażla. Anki professjonisti mħarrġa jistgħu jonqsu milli jidentifikaw problemi mentali sottili. B’riżultat ta’ dan, l-ewtanasja tista’ tingħata f’każijiet fejn il-kawżi ewlenin tat-tbatija ikunu jistgħu jiġu trattati.

7. Mard Mentali, Diżabilità, jew Kundizzjoniet Relatati mal-Età

Il-karta ta’ konsultazzjoni tgħid li pazjent ma jkunx eliġibbli jekk il-kundizzjoni tiegħu tkun marda mentali, diżabilità, jew kundizzjoni relatata mal-età bħal per eżempju d-dimensja. Dan jista’ jidher bħala salvagwardja rassiguranti, iżda l-mistoqsija hi: il-Gvern verament qed jipproponi liġi li specifikament tiddiskrimina kontra persuni b’diżabilità?
Din is-salvagwardja x’aktarx tiġi meqjusa bħala ksur ta’ l-Artiklu 14 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, u eventwalment titneħħa. Fil-pajjiżi fejn l-ewtanasja kienet inizjalment ristretta għal każijiet ta’ mard terminali, dawn il-kategoriji stess—diżabilità, dimensja u mard mentali—kienu introdotti aktar ’il quddiem.

Tista taqra id-dokument tal-gvern hawn taħt.

Government document 1

Government document 2